Rekwiżiti ta’ Konformità għal Makkinarju u NRMM

L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur tixtieq ifakkar lill-importaturi dwar il-liġijiet applikabbli għall-makkinarju u għall-makkinarju li ma jintuzax fi triq (NRMM) li jigi impurtat f’ Malta.


Skont il-Machinery Regulations, S.L. 427.36, li jittrasponu d-Direttiva 2006/42/EC, il-makkinarju li jaqa’ fl-skop ta’ din il-ligi għandu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali applikabbli tas-saħħa u s-sigurtà. Qabel ma jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz, għandha titwettaq il-proċedura applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità, għandha tkun disponibbli d-dokumentazzjoni teknika rilevanti, għandha tinħareġ id-Dikjarazzjoni ta’ Konformità u għandha titwaħħal il-marka CE, kif applikabbli. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għal makkinarju mmuntat fuq vetturi. Eżempji jinkludu krejnijiet installati fuq trakkijiet jew vetturi, lifts għall-għamara, cherry pickers, high-ups, tail lifts, pompi tal-konkrit, trakk tal-ġbir tal-iskart u makkinarju simili mmuntat fuq vetturi tat-triq.


Barra minn hekk, ir-Regolamenti, S.L. 427.85, li jittrasponu r-Regolamenti (EU) 2016/1628 japplikaw għal magni installati jew maħsuba biex jiġu installati f’ makkinarju li ma jintuzax fi triq (NRMM). Fejn applikabbli, dawn il-magni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-emissjonijiet Stage V u jkunu koperti miċ-ċertifikati rilevanti. Eżempji ta’ NRMM jinkludu gaffef, generators, forklifts u makkinarju simili. Ir-rekwiżiti Stage V japplikaw għall-magna biss meta din taqa’ tath ir-Regolamenti (UE) 2016/1628.


Għal importazzjonijiet u ordnijiet futuri, l-importaturi għandhom jiżguraw, qabel ma l-makkinarju jitqiegħed fis-suq, li l-makkinarju jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Machinery Regulations, li jkollu l-marka CE meħtieġa, li jkun akkumpanjat mid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità, u d-dokumentazzjoni rilevanti. Fejn magna, Deisel jew Petrol, taqa’ taht ir-Regolament (UE) 2016/1628, għandha wkoll tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli Stage V u tkun koperta miċ-ċertifikati rilevanti.
Fir-rigward ta’ makkinarju li bħalissa jinsab fl-istokk jew li diġà ġie ordnat, kif ukoll makkinarju mmuntat fuq vetturi li diġà ġie rreġistrat iżda għadu ma nbigħx, ġentilment imla t-template anness. It-template jitlob, fost affarijiet oħra, il-kategorija u t-tip ta’ makkinarju, il-marka u l-mudell, in-numru tas-serje jew tac-chassis, is-sena tal-manifattura, jekk jinsabx fl-istokk, huwiex diġà ordnat jew, fil-każ ta’ makkinarju mmuntat fuq vettura, diġà rreġistrat iżda għadu mhux mibjugħ, l-istatus tal-marka CE, id-dettalji tad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità u, fejn applikabbli, id-dettalji tal-magna, l-istadju tal-emissjonijiet NRMM u l-informazzjoni dwar il-magna.


Għall-finijiet ta’ din ir-reviżjoni, flimkien mat-template mimli, ġentilment ipprovdi wkoll rapport jew ċertifikat ta’ spezzjoni korrispondenti li jkun diġà nħareġ minn inġinier b’warrant, li jidentifika b’mod ċar jew jagħmel referenza għall-makkinarju rilevanti elenkat fit-template. Fejn tali rapport jew ċertifikat ikun għadu ma nħariġx, il-makkinarju xorta għandu jiġi inkluż fit-template u dan għandu jiġi indikat. Fil-każ ta’ makkinarju mmuntat fuq vetturi li diġà ġie rreġistrat iżda għadu ma nbigħx, għandha tapplika wkoll l-istess proċedura li tinvolvi inġinier b’warrant.


Jekk jogħġbok innota li rapport jew ċertifikat ta’ inġinier jitqies bħala informazzjoni dawr is-sigurta’ għall-Awtorità u ma jissostitwixxix il-marka CE, id-Dikjarazzjoni ta’ Konformità jew ir-rekwiżiti Stage V fejn dawn ikunu legalment applikabbli.
Inti ġentilment mitlub tirritorna t-template mimli, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti, sat-30 ta’ Ottubru 2026. Jekk bħalissa ma għandek l-ebda makkinarju li jaqa’ fil-kategoriji msemmija hawn fuq fl-istokk jew li kien diġà ordnat sa 17 ta’ Settembru 2026, u l-ebda makkinarju mmuntat fuq vettura li diġà ġie rreġistrat iżda għadu ma nbigħx, ġentilment ikkonferma dan bil-miktub.

Niżżel it-template HAWN.

Categories