Fit-23 ta’ Ġunju 2025, il-Qorti tal-Appell tat sentenza li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali), li sabet li l-Korporazzjoni Enemalta ta’ dak iż-żmien (Enemalta) kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq.
Il-każ oriġina minn ilment imressaq mill-kumpaniji Attard Services Limited u Shell Aviation Limited rigward allegati prattiki anti-kompetittivi min-naħa ta’ Enemalta fir-rigward tal-aċċess għall-infrastruttura tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Wara li twettqet investigazzjoni estensiva, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni (dak iż-żmien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta) ikkonkluda li Enemalta kellha pożizzjoni dominanti u saħansitra pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq ta’ fuq (upstream) tal-provvediment ta’ faċilitajiet ta’ ħażna u throughput għal Jet A1, li huwa input essenzjali sabiex l-operaturi li jimmaniġġjaw il-fjuwil u ż-żjut ikunu jistgħu joperaw fis-suq ta’ isfel (downstream) tal-provvista tas-servizzi ta’ riforniment tal-ajruplani.
L-Uffiċċju kkonkluda li Enemalta kienet effettivament abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq billi rrifjutat l-aċċess għall-infrastruttura tagħha permezz tal-applikazzjoni ta’ margin squeeze għall-perjodu bejn l-2004 u l-2008. L-Uffiċċju sab li d-differenza bejn il-prezzijiet li Enemalta kienet titlob mingħand l-ajruplani għas-servizzi tagħha ta’ riforniment fis-suq ta’ isfel u r-rata tat-tariffa li kellha titħallas minn Attard Services għall-aċċess għall-infrastruttura ta’ ħażna u throughput ta’ Enemalta kienet manifestament negattiva.
L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ddefenda b’suċċess il-konklużjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti. Fis-17 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) tat sentenza li kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni. Il-Qorti approvat ir-rapport tal-Uffiċċju u kkonkludiet li Enemalta kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artiklu 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u tal-Artiklu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Din is-sentenza, mogħtija mill-Qorti tal-Appell, tirrappreżenta każ sinifikanti fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni li jinvolvi l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn Enemalta fis-suq tal-provvista tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-Qorti tal-Appell fl-aħħar mill-aħħar ċaħdet l-appell ta’ Enemalta fl-intier tiegħu u kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) li Enemalta kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq permezz ta’ prattiki ta’ margin squeeze.
18.02.2020
Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, maħruġa fl-4 ta’ Ottubru 2016, li sabet li kien hemm manteniment tal-prezzijiet tar-rivendita fis-suq tal-fjuwil — li jikkostitwixxi ksur tal-Artiklu 5 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni — issa saret finali.
Fit-12 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Kostituzzjonali, fil-każ Falzon Group Holdings Limited et vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, ċaħdet l-argumenti mqajma minn Falzon Group Holdings Limited li allegaw li l-proċess investigattiv adottat mill-Uffiċċju kien kiser id-dritt tal-impriża għal smigħ xieraq, kif protett mill-Artiklu 39(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-proċedura investigattiva mwettqa mill-Uffiċċju f’dan il-każ kienet konformi mal-parametri tal-liġi.
Fit-12 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Kostituzzjonali, fil-każ Falzon Group Holdings Limited et vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, ċaħdet l-argumenti mqajma minn Falzon Group Holdings Limited li allegaw li l-proċess investigattiv adottat mill-Uffiċċju kien kiser id-dritt tal-impriża għal smigħ xieraq, kif protett mill-Artiklu 39(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-proċedura investigattiva mwettqa mill-Uffiċċju f’dan il-każ kienet konformi mal-parametri tal-liġi.
Pubblikazzjoni ta’ Deċiżjonijiet Amministrattivi skont l-Artikolu 110H (2) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur
15 ta’ April 2019 – Deċiżjoni Amministrattiva fir-rigward ta’ Vodafone Malta Ltd. – C10865
17 ta’ Awwissu 2018 – Deċiżjoni Amministrattiva fir-rigward ta’ Melita Ltd. – C12715
29 ta’ Ottubru 2015 – GO plc taqbel li tneħħi ħlasijiet addizzjonali relatati ma’ metodi differenti ta’ pagament.
Wara proċeduri amministrattivi mibdija fil-31 ta’ Awwissu 2015 u wara diskussjonijiet u korrispondenza bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u GO plc, din tal-aħħar qablet volontarjament li tneħħi l-ħlasijiet kollha relatati ma’ mezzi ta’ pagament. Mill-1 ta’ Diċembru 2015, il-klijenti kollha ta’ GO ma jibqgħux iħallsu ebda ħlas addizzjonali anke jekk ma jagħżlux li jħallsu l-kontijiet tagħhom permezz ta’ direct debit. Fir-rigward tal-ħlasijiet relatati ma’ kontijiet stampati, GO plc qablet ukoll li mill-1 ta’ Diċembru 2015, tipprovdi informazzjoni ċara u prominenti dwar dawn il-ħlasijiet fil-mezzi kollha ta’ reklamar u komunikazzjonijiet kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jixxandru fuq ir-radju minħabba l-limitazzjonijiet tagħhom.
16 ta’ Lulju 2015 – Deċiżjoni Amministrattiva fir-rigward ta’ Stoppa Telefonforsaljning Limited
11 ta’ Ottubru 2012 – Deċiżjonijiet meħuda dwar l-użu tal-kelma “bla limitu” mill-operaturi li ġejjin:
Judgements
Każ ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti: użu qarrieqi tat-terminu “Bla Limitu” minn Melita, ikkonfermat mill-Qorti tal-Appell fl-appell taħt l-ismijiet ta’:
“Melita Limited (C 12715) (qabel Melita p.l.c.) u Melita Mobile Limited; u b’dikriet tad-19 ta’ Novembru 2014 Melita Limited (qabel Melita p.l.c.) ħadet f’idejha l-atti minflok Melita Mobile Limited v. Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur); u b’dikriet tas-17 ta’ April 2013 l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni tħalliet tintervjeni in statu et terminis.”
Fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Qorti tal-Appell ċaħdet appell ippreżentat minn Melita Limited (C 12715, qabel Melita p.l.c., li ħadet f’idejha l-atti minflok Melita Mobile Limited) mid-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appelli dwar il-Kompetizzjoni u l-Konsumatur tal-21 ta’ Frar 2017, u kkonfermat li l-użu tat-terminu “bla limitu” huwa qarrieqi meta jintuża flimkien ma’ politika ta’ użu ġust, peress li din tal-aħħar tpoġġi limitu reali fuq servizzi reklamati bħala bla limitu.
Id-deċiżjoni sħiħa tal-Qorti tal-Appell tista’ tidher hawn.
—
Fl-24 ta’ April 2024, il-Qorti tal-Maġistrati (Malta), fil-ġuriżdizzjoni kriminali tagħha, imponiet multa ta’ €250 fuq Corner Foodstores Company Limited C30452 meta sabitha ħatja li naqset milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 378.09), peress li fil-punt tal-ħlas imponiet prezzijiet ogħla minn dawk indikati fuq l-ixkafef/punt tal-bejgħ.
Is-sentenza sħiħa tista’ tidher hawn.