Ilment Uffiċjali tal-Konsumatur (Konċiljazzjoni)
Il-konsumaturi għandhom l-ewwel ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u jiżguraw li l-ilment tagħhom ikun ġustifikat. Jekk ma jkunux ċerti dwar id-drittijiet tagħhom, il-konsumaturi jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Il-pass li jmiss huwa li jressqu ilment bil-miktub lill-kummerċjant, fejn jispjegaw il-kwistjoni b’mod ċar u jippruvaw jilħqu ftehim bonarju. Il-konsumaturi għandu jkollhom id-dokumenti rilevanti kollha, inkluża l-prova tax-xiri u, fejn applikabbli, il-garanzija kummerċjali u l-kuntratt tal-bejgħ. Il-kummerċjanti għandhom jingħataw żmien raġonevoli biex iwieġbu u jipproponu rimedju. Jekk il-kwistjoni tibqa’ ma tissolviex, il-konsumaturi jistgħu jressqu ilment quddiem id-Direttorat tal-Ilmenti u l-Konċiljazzjoni (CCD) fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur (OCA).
Ilment jista’ jitressaq permezz tal-formola elettronika għall-ilmenti tal-konsumaturi li tinsab hawn taħt, permezz tal-posta elettronika, personalment fl-uffiċċji tal-MCCAA, jew permezz ta’ ittra indirizzata lid-Direttur tal-Ilmenti u l-Konċiljazzjoni. Għandhom jiġu pprovduti l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt kemm tal-konsumatur kif ukoll tal-kummerċjant, il-prova tax-xiri u kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn.
L-ilmenti rreġistrati jiġu evalwati u mbagħad assenjati lil uffiċjal li jieħu ħsieb l-ilment u jwettaq il-konċiljazzjoni bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni bonarja. Jekk il-konċiljazzjoni ma tirnexxix, il-konsumaturi jistgħu jirreferu t-talba tagħhom lit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR)
Is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) hija proċess volontarju li jgħin lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti jsolvu t-tilwim barra mill-qorti, bl-assistenza ta’ parti terza indipendenti u imparzjali. Id-Direttorat tal-Ilmenti u l-Konċiljazzjoni, fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur (OCA), iservi bħala l-entità residwa tal-MCCAA għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim. Dan jittratta tilwim domestiku u transfruntier li jikkonċerna kuntratti ta’ bejgħ u servizzi bejn konsumaturi u kummerċjanti tal-Unjoni Ewropea, fejn ma tkun teżisti l-ebda entità tal-ADR speċifika għas-settur.
Meta tilwima titressaq permezz tas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-MCCAA, il-proċess jibda ladarba kemm il-konsumatur kif ukoll il-kummerċjant jaqblu li jipparteċipaw fis-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR). Wara r-reġistrazzjoni, jiġi assenjat Uffiċjal tal-ADR biex jevalwa l-każ, jikkonferma li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċess tal-ADR tal-MCCAA u jiżgura li tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa. Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi aċċettata, il-partijiet jiġu infurmati bir-raġunijiet fi żmien tliet ġimgħat.
Ladarba l-każ jiġi aċċettat, l-Uffiċjal tal-ADR jiskeda l-ewwel sessjoni tal-ADR u jiggwida lill-partijiet matul il-proċess kollu, filwaqt li jagħtihom żmien adegwat biex jippreżentaw is-sottomissjonijiet, id-dokumentazzjoni ta’ sostenn jew l-opinjonijiet tal-esperti, fejn meħtieġ. Fi tmiem il-proċess, l-Uffiċjal tal-ADR joħroġ rapport li jkun fih soluzzjoni proposta, li l-partijiet jistgħu jagħżlu li jaċċettaw jew jirrifjutaw wara perjodu ta’ riflessjoni.
Il-proċedura tal-ADR ġeneralment titlesta fi żmien 90 jum minn meta tasal l-informazzjoni kollha meħtieġa. Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż f’każijiet aktar kumplessi. Il-partijiet jistgħu jaħtru rappreżentant jew jirtiraw mill-proċess fi kwalunkwe stadju, u l-parteċipazzjoni fl-ADR ma taffettwax id-dritt tagħhom li jfittxu rimedju permezz tal-qrati.
Jekk tixtieq tressaq tilwima permezz tas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-MCCAA, tista’ tibgħat email fuq adr@mccaa.org.mt, fejn tispjega d-dettalji tat-tilwima u tehmeż kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti ta’ sostenn.