L-MCCAA u l-OHSA jingħaqdu biex isaħħu s-sigurtà tal-prodotti fuq il-post tax-xogħol

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) saħħew il-kollaborazzjoni bejniethom biex jippromwovu s-sigurtà tal-prodotti fuq il-post tax-xogħol permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim (MoU).

Dan il-ftehim jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ awtoritajiet, billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, għarfien tekniku u riżorsi sabiex jiġu identifikati prodotti li jistgħu joħolqu riskji għas-sigurtà jew li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti applikabbli tas-sigurtà tal-prodotti.

Waqt li kkummentat dwar il-ftehim, iċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MCCAA, Carmen Ciantar, qalet: “Kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet hija essenzjali biex jiġu identifikati riskji potenzjali għas-sigurtà b’mod aktar effiċjenti u biex jiġi żgurat li l-prodotti użati fuq il-postijiet tax-xogħol jissodisfaw l-istandards ta’ sigurtà meħtieġa. Din il-kollaborazzjoni se tikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol aktar sigur u għal protezzjoni aħjar tal-ħaddiema.”

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet: “Permezz ta’ dan il-ftehim, se nkunu qed naċċertaw li l-apparat u l-makkinarju, prodotti kimiċi u bijoċidi li jintużaw ġewwa firxa wiesa’ ta’ setturi  ta’ xogħol ġewwa pajjiżna jkunu ta’ livelli għoli u joffru l-inqas sfida lis-saħħa tal-ħaddiema.”

Permezz ta’ din il-kooperazzjoni, uffiċjali tal-OHSA se jirrappurtaw lill-MCCAA prodotti identifikati fuq il-postijiet tax-xogħol li jistgħu ma jkunux konformi mal-Att dwar is-Sigurtà tal-Prodotti (Kap. 427 tal-Liġijiet ta’ Malta). Dawn jistgħu jinkludu tagħmir tax-xogħol u lifts tal-passiġġieri li jidher li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti regolatorji jew li ma jkunux irreġistrati mal-MCCAA.

Min-naħa tagħha, l-MCCAA se tipprovdi appoġġ tekniku lill-OHSA, taqsam magħha informazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà tal-prodotti u l-lifts tal-passiġġieri, u tiffaċilita taħriġ u koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet. Il-ftehim se jippermetti wkoll li ż-żewġ entitajiet javżaw lil xulxin mingħajr dewmien dwar kwistjonijiet urġenti relatati mas-sigurtà tal-prodotti li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema.

Dan il-Memorandum ta’ Ftehim ikompli jsaħħaħ l-impenn taż-żewġ awtoritajiet li jaħdmu flimkien, fi ħdan ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, biex isaħħu s-sorveljanza tas-suq, itejbu l-monitoraġġ tas-sigurtà tal-prodotti u jikkontribwixxu għal postijiet tax-xogħol aktar sikuri madwar Malta.

Categories