L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) illum nediet uffiċjalment l-istrateġija l-ġdida tagħha flimkien ma’ identità viżiva mġedda, f’avveniment li laqqa’ flimkien stakeholders, imsieħba u rappreżentanti minn diversi setturi.
L-identità l-ġdida tirrifletti l-evoluzzjoni tal-MCCAA f’Awtorità moderna, aċċessibbli u kollaborattiva, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-valuri ewlenin tagħha ta’ ġustizzja, trasparenza, fiduċja u protezzjoni, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.
Matul l-avveniment ġiet ippreżentata ukoll il-viżjoni strateġika l-ġdida tal-Awtorità, li tħares lejn il-futur b’enfasi fuq l-innovazzjoni, is-servizzi diġitali, is-sostenibbiltà u suq aktar sigur, ġust u kompetittiv għall-konsumaturi u għall-operaturi ekonomiċi.
Fl-indirizz tagħha waqt l-avveniment, iċ-Chairperson tal-MCCAA Carmen Ciantar qalet li l-identità l-ġdida mhijiex biss bidla viżiva, iżda riflessjoni tal-mod kif l-Awtorità kompliet tiżviluppa tul is-snin sabiex tibqa’ relevanti, moderna u qrib kemm tan-nies kif ukoll tan-negozji.
“Hekk kif is-suq u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tan-negozji qed ikomplu jinbidlu, l-MCCAA trid tkompli tevolvi magħhom. Din l-identità u l-istrateġija l-ġdida jirriflettu l-impenn tagħna lejn Awtorità aktar moderna, aktar innovattiva u aktar aċċessibbli,” sostniet Ciantar.
L-MCCAA tkompli topera permezz tal-erba’ pilastri ewlenin tagħha: il-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Istandards u l-Metroloġija, u r-Regolamenti Tekniċi; bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-funzjonijiet regolatorji u ta’ protezzjoni tagħha fis-suq Malti, filwaqt li tappoġġja ambjent ekonomiku ġust u sostenibbli.
L-avveniment inkluda wkoll il-preżentazzjoni tal-logo l-ġdid u produzzjoni awdjoviżiva li enfasizzat il-ħidma, il-valuri u d-direzzjoni futura tal-Awtorità u kif dawn jaffetwaw b’mod dirett lil kull wieħed u waħda minna.