L-MCCAA tniedi ImportaMT, servizz ġdid ta’ verifika dokumentarja qabel l-importazzjoni

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet ImportaMT, servizz onlajn ġdid li jagħti lill-importaturi l-possibbiltà li jivverifikaw minn qabel id-dokumentazzjoni ta’ konformità ta’ prodott, qabel ma l-merkanzija tintbagħat lejn Malta.

Is-servizz tnieda fil-Freeport ta’ Malta mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l- Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti. flimkien maċ-Chairperson tal-MCCAA Carmen Ciantar, bħala wieħed mill-impenji tal-ewwel mitt jum tal-Gvern taħt Int Malta.

ImportaMT huwa maħsub biex jgħin lill-importaturi jidentifikaw nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni qabel il-konsenja, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju li problemi jiġu identifikati meta l-merkanzija tkun diġà waslet fil-fruntiera jew wara li l-prodott ikun daħal fis-suq.

Permezz tas-servizz, l-importatur jissottometti talba waħda għal kull prodott. L-MCCAA tirrevedi d-dokumentazzjoni skont matriċi ta’ konformità li tkopri l-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti li taqa’ taħt ir-rimit tagħha.

Fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol mill-ħlas – jew għaxart ijiem meta tkun meħtieġa kjarifika – l-importatur jirċievi deċiżjoni: VERIFIKAT jew MHUX VERIFIKAT.

Meta d-dokumentazzjoni tkun verifikata, id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f’indirizz uniku fuq l-internet u tinħareġ riċevuta b’kodiċi QR li tkun tista’ tiġi vverifikata mid-Dwana. Fejn japplika aktar minn att leġiżlattiv wieħed tal-UE għall-istess prodott, is-servizz juża checklist konsolidata sabiex il-proċess jibqa’ kemm jista’ jkun sempliċi għall-importatur.

L-MCCAA tenfasizza li ImportaMT huwa servizz ta’ verifika dokumentarja. Deċiżjoni VERIFIKAT tikkonferma li d-dokumentazzjoni sottomessa tkun ġiet ikkontrollata u nstabet f’lokha. Ma tikkostitwixxix ċertifikazzjoni tal-prodott, ma teżentax prodott mis-sorveljanza tas-suq u mhijiex garanzija ta’ rilaxx mid-Dwana.

“ImportaMT huwa eżempju ta’ kif impenn jista’ jinbidel f’servizz konkret li jagħmel differenza għan-negozji u għall-konsumaturi. Billi nagħtu lill-importaturi l-possibbiltà li jidentifikaw kwistjonijiet qabel ma jibagħtu l-merkanzija, inkunu qed innaqqsu r-riskju ta’ dewmien u spejjeż bla bżonn, filwaqt li nsaħħu l-konformità u nagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi regolatorji tagħna, Għodda bħal din huma important ħafna u għalhekk għamilna fiċ-ċert li tiġi varata fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura ” qal l-MInistru Azzopardi Tanti.

“ImportaMT huwa pass importanti lejn regolamentazzjoni aktar preventiva, kollaborattiva u effiċjenti. Billi kwistjonijiet marbuta mad-dokumentazzjoni tal-konformità jiġu identifikati qabel ma l-prodotti jaslu Malta, inkunu qed ngħinu lin-negozji jippjanaw aħjar, filwaqt li nsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur,” qalet Carmen Ciantar, Chairperson tal-MCCAA.

Is-servizz għandu ħlas ta’ €50 għal kull talba dwar prodott, impost taħt is-setgħat statutorji eżistenti tal-Awtorità.

Ir-rikonoxximent tar-riċevuti ta’ ImportaMT mid-Dwana qed jitmexxa ’l quddiem permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub li tikkonferma li prodotti akkumpanjati minn riċevuta valida ma jkollhomx għalfejn jiġu riferuti lura għand l-Awtorità għall-istess verifika dokumentarja. Prodotti identifikati mid-Dwana permezz tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha jibqgħu jiġu riveduti mill-MCCAA mingħajr ħlas.

Importaturi, aġenti doganali u spedizzjonieri jistgħu jsibu aktar informazzjoni dwar ImportaMT, inkluż kif jissottomettu talba, fuq www.importa.mt .

Categories