Ġew imħabbra r-rebbieħa tal-Premju Servizz bi Tbissima 2026

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tal-ħdax-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima waqt ċerimonja tal-premjazzjoni li saret nhar l-Erbgħa filgħaxija. L-avveniment laqqa’ flimkien negozji u partijiet interessati minn diversi setturi biex tiġi ċċelebrata l-eċċellenza fis-servizz lill-klijenti.

Il-kompetizzjoni reġgħet enfasizzat l-importanza li jiġu rikonoxxuti n-negozji li jpoġġu lill-konsumatur l-ewwel, kif ukoll ir-rwol tas-servizz eċċellenti fil-bini tal-fiduċja u ta’ relazzjonijiet fit-tul. Il-pubbliku ġie mistieden jivvota bejn is-16 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju 2026 f’sitt kategoriji li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ bejjiegħa u fornituri ta’ servizzi. Konsumaturi minn Malta u Għawdex taw aktar minn 31,000 vot lil aktar minn 3,000 negozju.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti, qal li servizz eċċellenti jmur lil hinn minn esperjenza pożittiva. Huwa jinvolvi l-fiduċja, it-trasparenza, l-aċċessibbiltà u impenn ġenwin lejn il-bżonnijiet tal-konsumaturi. Huwa saħaq fuq l-importanza li jsir investiment fil-kwalità tas-servizz, li t-teknoloġija tintuża b’mod responsabbli u li jiġu promossi prattiki kummerċjali ġusti u sostenibbli. B’hekk, is-servizzi jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd u l-kunfidenza tal-konsumaturi tkompli tikber. Il-Ministru feraħ lin-nominati u lir-rebbieħa kollha. Ħeġġeġ lin-negozji jkomplu jinvestu fil-kwalità tas-servizz u lill-konsumaturi jkomplu jsemmgħu leħinhom, biex flimkien jinbena suq aktar ġust u b’saħħtu, mibni fuq il-fiduċja.

Iċ-Chairperson tal-MCCAA, is-Sa Carmen Ciantar, qalet: “Kull negozju li ġie rikonoxxut f’din iċ-ċerimonja kiseb il-fiduċja tal-klijenti tiegħu, u din il-fiduċja trid tinżamm kuljum, ma’ kull klijent. In-negozji li jixtiequ jibnu fuqha jistgħu jagħmlu dan ukoll permezz tal-iskema Trust You tal-MCCAA, li ġeddidnieha f’Settembru. Trust You tagħraf in-negozji li jittrattaw lill-konsumaturi b’mod ġust, ibigħu prodotti sikuri u konformi, u jużaw piżijiet u miżuri korretti, sabiex il-konsumaturi jkunu jafu liema negozji jistgħu jafdaw. Nistieden lil kull negozju li jħaddan dawn il-valuri biex isir jaf aktar fuq trustyou.mt.”

Ir-rebbieħa f’kull kategorija kienu:

Prodotti Elettroniċi u Affarijiet għad-Dar

Rebbieħ: SCAN

It-tieni post: Homemate

It-tielet post: Klikk

Bejjiegħa Lokali Online

Rebbieħ: Scanmalta.com

It-tieni post: Bottarga.com.mt

It-tielet post: Tappwater.mt

Moda u Sbuħija

Rebbieħ: Laser By Ingrid

It-tieni post: Mvintage

It-tielet post: Berta Boutique Salon

Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Trasport

Rebbieħ: Micallef Joe Travel

It-tieni post: Sisu Tours

It-tielet post: Britannia Tours

Supermarkets u Mini Markets

Rebbieħ: Maypole

It-tieni post: Lidl

It-tielet post: Greens Supermarket

Ħwienet tal-Annimali u tal-Pjanti

Rebbieħ: Pet Studio

It-tieni post: Borg Cardona Pet Supplies

It-tielet post: Piscopo Gardens

Il-Bord tal-Premju Servizz bi Tbissima vverifika l-ħames negozji bl-ogħla punteġġ f’kull kategorija. Il-verifika żgurat li l-voti kienu validi u konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, u li n-negozji joperaw skont il-prinċipji u l-istandards tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-premju. Ir-rebbieħ ta’ kull kategorija rċieva trofew, ċertifikat u d-dritt li juri l-Badge ta’ Rebbieħ tal-Premju Servizz bi Tbissima fuq il-materjal promozzjonali tiegħu.

Categories