Il‑konsumaturi għandhom l‑ewwel ikunu jafu d‑drittijiet tagħhom u jiżguraw li l‑ilment li jkollhom ikun ġustifikat. Jekk mhumiex ċerti mid‑drittijiet tagħhom, il‑konsumaturi jistgħu jfittxu għajnuna mingħand l‑Uffiċċju għall‑Affarijiet tal‑Konsumatur.
Il‑pass li jmiss huwa li jintbagħat ilment bil‑miktub lill‑negozjant, fejn jiġi spjegat b’mod ċar l-ilment u jsir tentattiv biex jintlaħaq ftehim amikevoli. Il‑konsumaturi għandhom jippreżentaw id‑dokumenti kollha relevanti, inkluż prova tax‑xiri u, fejn applikabbli, il‑garanzija kummerċjali u l‑kuntratt tal‑bejgħ. In‑negozjanti għandhom jingħataw żmien raġonevoli biex iwieġbu u jipproponu rimedju. Jekk il‑kwistjoni tibqa’ ma tiġix solvuta, il‑konsumaturi jkunu jistgħu jressqu l-ilment għand id‑Direttorat tal‑Ilmenti u Konkiliazzjoni fi ħdan l‑Uffiċċju għall‑Affarijiet tal‑Konsumatur.
Ilment jista’ jiġi sottomess permezz tal‑formola elettronika tal‑ilmenti tal‑konsumatur hawn taħt, jew bl‑email; jew personalment fl‑uffiċini tal‑MCCAA, jew b’ittra indirizzata lid‑Direttur tal‑Ilmenti u Konkiliazzjoni. L‑informazzjoni u d‑dokumenti kollha relevanti għandhom jiġu pprovduti, inklużi d‑dettalji ta’ kuntatt tal‑konsumatur u tan‑negozjant, prova tax‑xiri, u kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn.
Ilmenti rreġistrati jiġu evalwati u mbagħad jiġu assenjati lill-wieħed mill-uffiċjali tal‑ilmenti li jwettaq il‑proċess ta’ konkiliazzjoni bil‑għan li tinstab soluzzjoni amikevoli. Jekk il‑konkiliazzjoni ma tirnexxix, il‑konsumaturi jistgħu jirreferu t‑talba tagħhom lit‑Tribunal tal‑Talbiet tal‑Konsumatur.
Minflok il‑konkiliazzjoni, il‑konsumaturi jistgħu jagħżlu li jsolvu t‑tilwima tagħhom permezz ta’ Riżoluzzjoni Alternattiva tat‑Tilwim (ADR), mekkaniżmu bla ħlas barra l‑qorti li jinvolvi parti terza newtrali li tgħin lill‑konsumaturi u lin‑negozjanti jilħqu soluzzjoni aċċettabbli għaż‑żewġ naħat. Iż‑żewġ partijiet iridu jaqblu li jużaw l‑ADR u jistgħu jirtiraw fi kwalunkwe ħin, filwaqt li kwalunkwe ftehim milħuq jiġi kkonfermat bil‑miktub.
Biex jiġi sottomess ilment taħt il‑proċess tal‑ADR, il‑konsumaturi jistgħu jużaw il‑link hawn taħt.