Stqarrija | Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-MCCAA
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-MCCCAA qed jirtiraw bħala mezz ta’ prekawzjoni u proattività, il-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorpyrifos bħala sustanza attiva. Dawn il-prodotti m’għandhomx jinbiegħu, jitqassmu, jinħażnu jew jintużaw, b’effett immedjat.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li din il-miżura qiegħda tittieħed biex filwaqt li nassiguraw u nagħtu prijorità lis-saħħa tal-bniedem, naraw li l-konsumatur ikun aktar kunfidenti li l-prodott agrikolu Malti u Għawdxi huwa wieħed bnin u nieqes minn sustanzi li jistgħu ikunu ta’ periklu kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bidwi u l-familja tiegħu. “Bi pjacir ninnota kif dan il-pass li qegħdin nieħdu qed nagħmluh flimkien mal-bdiewa, għaliex huma l-istess bdiewa li għandhom l-akbar interess li jipprovdu l-aħjar prodott”, stqarr Clint Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif dan il-Gvern se jieħu l-passi meħtiega sabiex is-saħħa tal-poplu tkun imħarsa. Huwa qal li s-sorveljanza fuq is-suq ser tkun qed tassigura li l-azzjonijiet msemmija jiġu osservati. Is-Segretarju Parlamentari Debattista spjega kif l-MCCAA timxi fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex tipproteġi lill-pubbliku u l-konsumatur, għalhekk, meta permezz ta’ informazzjoni xjentifika ġdida jkun hemm xi tħassib dwar is-sigurtà tal-prodotti, tieħu azzjoni immedjata fl-interess nazzjonali. L-MCCAA ħejjiet ukoll lista ta’ prodotti alternattivi li huma ħielsa mill-chlorpyrifos sabiex il-bdiewa lokali jkunu gwidati kif xieraq.
Din il-miżura qiegħda tittieħed wara li l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippublikat rapport fl-‘EFSA Journal’ bil-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa, attribwiti mal-użu tas-sustanza chlorpyrifos, fil-31 ta’ Lulju 2019.
L-irtirar ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq din id-dikjarazzjoni tal-EFSA, li espremiet tħassib dwar effetti ġenotossiċi possibbli kif ukoll effetti newroloġiċi matul l-iżvilupp, sostnuta minn data epidemjoloġika li tindika effetti fit-tfal. Dan qiegħed isir fid-dawl li f’dan l-istadju ebda livell ta’ esponiment sigur jew valur ta’ referenza tossikoloġika, ma qed jiġu stabbiliti għas-sustanza.
Dan ir-rapport sar wara li fl-Lulju tal-2019, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-EFSA biex tipprovdi dikjarazzjoni dwar ir-riżultati disponibbli fuq l-effett ta’ saħħet il-bniedem fil-kuntest tal-konsiderazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva chlorpyrifos, tiġdid li huwa regolat permezz tal-parametri stabbiliti fil-Commission Implementing Regulation (EU) bin-numru 844/2012. Is-sustanza chlorpyrifos hija sustanza attiva użata bħala insettiċida fis-settur agrikolu biex teqred firxa wiegħsa ta’ insetti u pesti oħra, biex tipproteġi pjanti u frott imkabbar fl-għelieqi.
Din id-deċiżjoni mmedjata qiegħdha tittieħed bħala mezz ta’ prekawzjoni favur is-saħħa tal-bniedem kif ukoll għaliex il-Gvern jemmen li permezz ta’ din il-miżura proattiva, il-konsumatur se jkun aktar kunfidenti fl-għażla tal-prodott agrikolu Malti. Wieħed għandu jinnota li tul ix-xhur u snin li għaddew, 8 pajjizi Ewropej oħra diġà implimentaw miżura simili. Madanakollu, madwar 92% tal-prodotti importati f’Malta ġejjin minn pajjiżi oħra.
Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jkompli d-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-bdiewa biex jitnaqqas l-impatt dirett li jista’ jkollha din ir-revoka fuq il-bidwi. Il-bdiewa jistgħu jikkuntattjaw id-direttorat fuq in-numru 80072213, kif ukoll l-MCCAA fuq in-numru 2395 2000 għal kull tagħrif neċessarju.
Is-sustanza attiva klorpirifos hija wżata bħala insettiċida fis-settur agrikolu biex teqred firxa wiegħsa ta’ insetti u pesti oħra, biex tipproteġi pjanti u frott imkabbar fl-għelieqi. Is-sustanza hija approvata għall-użu fl-Unjoni Ewropea sa’ Jannar 2020.
Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima flimkien mal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qed jirtiraw bħala mezz ta’ prekawzjoni u proattività, il-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorpyrifos bħala sustanza attiva. Dawn il-prodotti m'għandhomx jinbiegħu, jitqassmu, jinħażnu jew jintużaw, b'effett immedjat.
Din il-miżura qiegħda tittieħed wara li l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippublikat ilkonklużjonijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa, attribwiti mal-użu tas-sustanza “chlorpyrifos”, fil-31 ta’ Lulju 2019. L-irtirar ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq din id-dikjarazzjoni tal-EFSA, li espremiet tħassib dwar effetti newroloġiċi matul l-iżvilupp fit-tfal. Dan qiegħed isir fid-dawl li f’dan l-istadju ebda livell ta' esponiment sikur jew valur ta' referenza tossikoloġika, ma qed jiġu stabbiliti għas-sustanza.
Malta hija wahda minn numru ta pajjizi (s’issa 8) li qiegħda tiehu tali deċizjoni. Huwa biss 8% tal-prodotti importati li ġejjien minn dawn il-pajjiżi. Għaldaqstant b’din il-miżura proattiva l-konsumatur Malti għandu jkun aktar kunfidenti fil-prodott agrikolu Malti.
Il-prodotti li fihom din is-sustanza attiva u li huma maħżuna għand il-bdiewa ħa jiġu miġbura mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Aktar dettalji ser jiġu ikomunikati lil bdiewa fil-ġranet li ġejjien.
Dwar informazzjoni relatata mal-biedja individwu jista’ jcempel fuq 80072213. Dwar informazzjoni relatata ma’ aspetti ta konsumatur individwu jista jcempel fuq 23952000.