Ċertifikazzjoni ta’ eċċellenza għaċ-Ċentru tal-Lingwa Mitkellma
Iċ-Ċentru tal-Lingwa Mitkellma, Speech and Language Centre, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja ngħata ċertifikat ta’ eċċellenza mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur.
Is-servizzi ta’ Speech and Language huma mxerrdin ma’ Malta u ma’ Għawdex u jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa, mill-Isptar Mater Dei u mill-bereġ fost ċentri oħrajn. Fl-aħħar snin saret ħidma minn dan iċ-ċentru biex jingħata ISO certificate.
“Madwar 70,000 persuni minn tfal sa anzjani jingħataw servizz minn dan iċ-ċentru kull sena - servizz li llum bi provi nistgħu ngħidu li hu wieħed ta’ eċċellenza. Hu b’ħidma u b’dedikazzjoni minn dawk kollha involuti li ngħata dan iċ-ċertifikazzjoni lil dan iċ-ċentru”, qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Żied jgħid li fil-qasam tal-kura primarja fl-aħħar snin saru passi ta’ ġgant ’il quddiem u fiż-żmien li ġej se jkomplu jiżdiedu s-servizzi fil-komunità fosthom bil-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Kirkop.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li, “illum mhux biss qed ninawguraw Speech Language Department ġdid fil-komunità tagħna iżda qed ninawguraw dipartiment li hu ċertifikat b’ ISO 9001 mill-MCCAA. Dan ifisser li dan id-dipartiment qed jilħaq standards Ewropej u internazzjonali. L-ISO 9001 hu mogħti mill-Istitut għal Standards u Metroloġija fi ħdan l-MCCAA u joffri diversi servizzi lil entitajiet privati u pubbliċi biex jappoġġja infrastruttura ta’ kwalità. Nawgura lill-ħaddiema kollha ta’ dan id-dipartiment li naf fiċ-ċert li se jipprovdu l-aqwa servizzi lill-komunitajiet tagħna”.